Home‎ > ‎

Pakistan 2014

Għeżież ħbieb,

Din is-sena, għall-ewwel darba, serinkunu qed noffru l-esperjenzja fil-Pakistan bħala waħda mill-esperjenzi ta’ volontarjat li nieħdu kull Sajf. Bħalma kull esperjenza għandha l-karattru tagħha, prinċipalment minħabba l-kuntest li fih tiżvolġi l-esperjenza, l-esperjenza fil-Pakistan toffri ambjent u sfidi differenti minn dawk li aħna mdorrijin naħsbu fuqhom. Għaldaqstant, din l-esperjenza titlob preparazzjoni u persuni li huma miftuħa għal esperjenza u kultura ġdida.

Ambjentata f’kultura ferm differenti, li għandha effett fuq il-mod ta’ għixien u l-ħajja soċjali tan-nies lokali, din l-esperjenza tesponik għal realtà li tikkuntrasta bil-kbir mal-mod ta’ ħsieb fid-dinja tal-Punent, kif ukoll mal-aħbarijiet li spiss nisimgħu dwar dan ir-reġjun. Minkejja l-faqar li fih jgħixu, in-nies għandhom qalb kbira u l-akkoljenza tagħhom hija waħda li ftit tiltaqa’ magħha. Ma jiddejqu xejn jospitaw barranin fiż-żewġt ikmamar li jgħixu fihom jew li jagħtu mix-xejn li għandhom.

L-esperjenza hi bbażata fiż-żona ta’ Yuhannabad, li tinsab fil-periferija tal-belt ta’ Lahore. F’Yuhannabad il-maġġoranza tan-nies lokali huma nsara, għalkemm ir-rabta bejn l-insara u l-musulmani hija minsuġa fil-ħajja ta’ kuljum. Hemmhekk, l-MSSP qed jieħdu ħsieb il-parroċċa kif ukoll skola li toffri edukazzjoni b’xejn lil tfal ta’ bejn 5 u 14 –il sena. Il-ħidma tal-grupp li tela’ s-sena l-oħra kienet tinvolvi:  għotja ta’  lezzjonijiet tal-Ingliż u tal-kompjuter lil tfal u żgħażagħ li jgħixu fil-madwar, żjarat lil residenti ġewwa dar li tieħu ħsieb persuni b’diżabilità intellettwali u bi problemi ta’ saħħa mentali, kif ukoll żjarat lill-morda flimkien mal-Missionary Medical Sisters, u home visits. Madankollu huwa importanti li kull applikant ikun miftuħ b’mod matur  għal esperjenza li hi miftuħa għal ideat varji, u ħidmiet alternattivi bbażati kemm fuq l-abilità tal-individwi, kif ukoll fuq il-bzonnijiet li toffri l-esperjenza.

Kull applikant ser ikun qiegħed jiltaqa’ ma’ rappreżentanza mill-Leadership Committee bħala parti mill-process tal-għażla.

Il-grupp li jintgħażel biex imur fuq din l-esperjenza se jkun akkumpanjat minn Fr Karm Debattista u minħabba raġunijiet loġistiċi, il-postijiet għal din l-esperjenza huma limitati. Il-grupp ma jistax ikun fih aktar minn 7 persuni (inkluż Fr Karm). Biex persuna tidħol ġol-Pakistan ikollha bżonn Visa kif ukoll huwa rrakomandat li jittieħdu t-tilqim neċessarji

L-esperjenza ħa tinvolvi bejn erba’ u sitt ġimgħat. Din l-esperjenza ser tibda’ lejn l-aħħar ta’ Lulju. (Dan jista’ jinbidel skond l-eżiġenzi tal-esperjenza).

Tistgħu ssibu l-applikazzjoni iktar 'l isfel f'din il-paġna.

L-applikazzjonijiet jagħlqu l-Ħadd, 9 ta' Marzu 2014.

Jekk għandkom xi mistoqsijiet dwar l-esperjenza tistgħu tibgħatu fuq l-email lc(at)camyouths.com

Chris
f'isem Leadership Committee


Pakistan 2014 -- Application Form