Din il-paġna tagħti ftit informazzjoni dwar il-proġett li ĊAMYouths flimkien mas-Soċjetà Missjunarja ta' San Pawl (MSSP) ħa ħsieb fil-Pakistan. Kif ħafna minnkom jafu, ĊAMYouths qed jgħin lill-MSSP fil-Pakistan permezz ta' fondi li ngħataw mill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin ta' Malta biex titkabbar l-iskola De Piro fir-raħal li jismu Asif Town 2 li jagħmel parti mill-belt kbira ta' Lahore fil-Pakistan. Ix-xogħol ta’ bini u tiswijiet li kien hemm bżonn fl-iskola issa kollu lest u l-iskola nistgħu nibdew nużawha. F’inqas minn sena żidna biċċa oħra fl-iskola biex issa għandna tliet klassijiet oħra. Dawn magħmulin b’mod li jistgħu jinfetħu u jservu ta’ sala. Klassi kbira u oħra biex isservi ta’ day-care centre, żewġ uffiċċji u set toilets oħra. Ma’ dan ix-xogħol kellhom isiru wkoll tiswijiet ta’ plumbing, tank ta’ l-ilma, pompa u drains godda. Fl-aħħarnett tranġa l-ground ta’ l-iskola b’tali mod li hemm iktar spazju u ssebbaħ il-post ukoll. X’għandna f’idejna? Għandna skola eżattament f’post fejn hi l-iktar meħtieġa. Asif Town 2 qiegħed f’tarf il-belt kbira (madwar 11-il miljun ruħ) ta’ Lahore. Beda bħala ftit djar – lanqas tgħidlu raħal – ħdejn il-fabbriki. Imbagħad baqa’ jikber bl-addoċċ hekk kif bdew ġejjin iktar u iktar familji jfittxu x-xogħol. Illum issib ħames familji f’djar fejn qabel kien hemm familja waħda. Il-fatt li l-iskola tagħna b’xejn diġa’ għinet biex ħafna familji jibagħtu t-tfal tagħhom hemm. Il-kwalita’ ta’ tagħlim issa jikkompeti ma’ skejjel fejn trid thallas miżata sew biex tibgħat lit-tfal. Barra minn hekk ngħinu t-tfal u l-familji tagħhom permezz tal-medical team li jgħallmu fuq is-saħħa, jeżiminaw lit-tfal regolarment u għandhom klinika b’xejn fl-iskola stess. Parti mill-proġett ta’ bini li għamilna permezz ta’ l-għajnuna taċ-ĊAMYouths kien sewwa sew biex l-iskola jkollha biżżejjed spazju għat-tfal li jixtiequ jkomplu jitgħallmu hemm. Din is-sena mlejna l-postijiet kollha u kieku kellna naċċettaw lil kulħadd kien ikollna tfal iktar mid-doppju. Biss, waqt iż-żjajjar li għamilna fid-djar xorta skoprejna grupp ta’ tfal – ġeneralment bniet – li qatt ma marru skola. Dawn ġejjin minn familji fejn il-ġenituri t-tnejn joħorġu jaħdmu. Għaldaqstant waħda mit-tfal tibqa’ fid-dar biex tieħu ħsieb ta’ ħutha iżgħar minnha. Biex inwieġbu għal din is-sitwazzjoni, iddeċidejna li nagħmlu klassi speċjali għal dawn it-tfal u maġenbha day-care centre fejn ikunu jistgħu iġibu magħhom lil ħuthom iż-żgħar. Dan ifisser li għall-ewwel darba f’ħajjithom dawn it-tfal ser ikollhom iċ-ċans li jitgħallmu jiktbu u jaqraw u suġġetti oħra siewja għall-ħajja. Issa li l-bini lest bi ħsiebna nilqgħu l-ewwel grupp f’Settembru 2011. Fr. Gerard diġa’ għaqqad l-istaff li hemm bżonn u bħalissa qed jiġri madwar Lahore kollu (f’temperaturi ta’ madwar 45ºC) biex jixtri l-għamara u l-bżonnijiet l-oħra. Dan kollu biex nagħtu dejjem iktar dik l-għajnuna li tassew in-nies għandhom bżonn. Hawn taħt għandkom issibu xi ritratti tal-proċess tal-bini tal-iskola. |